Misraħ tas-Salib
Ix-xogħol f`Misraħ tas-Salib beda f`Diċembru tas-sena li għaddiet biż-żbir tas-siġar u t-tkissir tal-paviment l-antik. Saru wkoll il-ħitan tal-gagazza li kellhom jogħlew minħabba li nbidel il-livell ta` l-art.
Fuq in-naħa ta` Triq il-Kbira, il-ħajt tħalla baxx bil-għan li ma titgħattiex il-veduta għal min ikun bilqiegħda fuq il-bankijiet. Għalhekk ser isir puġġaman tal-ħadid fil-parti l-aktar għolja tal-ġnien biex jiġi evitat il-periklu li wieħed jaqa` għall-isfel. Il-partijiet kollha tal-ġnien saru aċċessibbli permezz ta` rampi. Taħt waħda mir-rampi nbniet kamra żgħira għall-meter ta` l-elettriku. Tqiegħed ukoll il-conduit sabiex jitwaħħlu għaxar fanali bil-għan li jkun hemm dawl adekwat fil-playing field.
F`dak li huwa play equipment, il-bandla l-kbira ser titbaxxa sabiex ma tibqax perikoluża u l-merry-go-round u s-see-saw ser jitneħħew għal kollox, peress li dawn wkoll meqjusa perikolużi. L-equipment kollu ser jitqiegħed fil-parti t`isfel tal-ġnien, fejn m`hemmx siġar. Is-slide ser tiġi spustjata għan-naħa l-oħra biex b`hekk il-post fejn tinsab illum jitħalla aċċessibbli għall-high-up li jkun meħtieġ fi żmien iż-żbir. Ser titwaħħal bandla adattata għal tfal bi bżonnijiet speċjali.
Fir-rigward tat-tisqija tal-pjanti li ser ikun hemm mad-dawra tal-playing field, dan ser isir permezz tad-drip li jkun jista` jiġi mqabbad ma` bowser fin-naħa ta` fuq, qrib Triq ir-Rattan.