
Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien ilu jaħdem biex fir-raħal tal-Manikata jkun hemm post ta` rikrejazzjoni, fejn in-nies u t-tfal li joqogħdu hemm, ikollhom fejn jirrikrejaw ruħhom.
Ta` min jgħid li f`dan ir-raħal ma kien hemm l-ebda ġnien jew post ta` rikrejazzjoni ieħor. Barra minn hekk, il-popolazzjoni tal-Manikata bdiet dejjem u dejjem tikber. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet tinħass il- ħtieġa li f`dan ir-raħal ikun hemm ġnien jew post fejn it-tfal u l-kbar jiltaqgħu, jistrieħu u jiddevertu.
Meta l-Kunsill fassal dan il-proġett qagħad attent li japproffitta ruħhu mill-ambjent rurali tal-madwar u b`dan f`moħħu ħaseb biex dan il-post jiġi wtilizzat ukoll bħala picnic site żgħira, fejn wieħed jista` jagħmel użu mill- faċilitajiet sanitarji li ġew provduti, kif ukoll fejn it-tfal jistgħu jilagħbu bla periklu.
Il-Kunsill Lokali kien responsabbli mill-kostruzzjoni tal-ġnien u latrina pubblika, installazzjoni ta` sistema tad-dawl adegwata, twaħħil ta` għamara u apparat tal-logħob addattata, tħawwil ta` siġar u arbuxxelli flimkien ma` sistema ta` tisqija għalihom.