Il-Mellieħa 870 - 1530 W.K.

Qalb il-Halel Imqallba tal-Medju Evu (870 - 1530 W.K.)

Gerbu s-snin u sebħet għodwa oħra fl-istorja tal-ġens Malti, magħrufa bħala ż-Żminijiet Nofsana. L-abitanti ta’ l-inħawi ta’ madwar il-Mellieħa ma kienx għadhom l-istess nies tal-ħakmiet bikrija. Jidher li wara l-ħbit mill-Għarab fis-seklu 9 W.K., pajjiżna għadda minn burraxka u n-nies naqsu sew. Forsi ħafna minnhom nqatlu, jew forsi ttieħdu lsiera jew inkella dabbru rashom banda oħra.

Il-ġemgħa l-ġdida, li bdiet tgħammar fl-għerien u l-widien Melleħija kienet ta’ nisel Semitiku, titħaddet b’ilsien Għarbi jixbah lit-Tuneżin. Kienu bedwini jew bdiewa, raħħala, sajjieda; għexur, tgħoddhom fuq subgħajk. Għall-ewwel jista’ jkun li lanqas biss kienu Nsara, imma mbagħad għallinqas mis-seklu 13 ‘il quddiem ħaddnu l-fidi Nisranija.

Kienu jgħammru fl-għerien- Għar Sebħa lejn l-Għadira, Għar Butomna, tat-Tomna, Għar Sqalli, il-Miżieb, Għar Baqrat l-Aħrax u f’għerien oħra li jdawruna. Mill-Għadira kienu jiġbru l-melħ bħan-nies ta’ qabilhom. L-art sejħulha Mellieħa, l-imkien fejn tinġabar il-melħ, fis-salini l-qodma.

Taħt is-sidien fewdali, missirijietna għaddew minn bosta saram. L-art ma kinitx ħanina magħhom. Ftit kienu l-oqsma tajba għar-raba’. Għajr fil-widien bħal San Niklaw, Ġnien Ingraw, tal-Madonna, l-Imġiebaħ, il-Mistra u Għajn Tuffieħa ftit kont issib art maħduma. In-nobbli u l-kbarat mhux dejjem imxew mar-raħlin ta’ rġiel. L-art pubblika bħal tal-Miżieb, li fiha kienu jmorru jirgħu l-merħliet tagħhom ta’ nagħaġ, mogħoż, ħnieżer u baqar ġieli tteħditilhom bil-forza u lanqas kienu jitħallew biss jgħaddu minnha biex imorru banda oħra.

Fuq l-għaqbiet u l-wesgħat muxgħara kont issib irqajja’ ta’ ħamrija mogħnija b’ħatab u arbuxelli bħal tax-xagħri ta’ żmienna. Nies minn irħula oħra tal-gżira kienu jiġu l-Mellieħa biex jaqtgħu x-xewk u l-ħatab għall-ħruq. Minħabba l-mawrien tar-rgħajja u l-qattiegħa nbnew ħafna giren li xi wħud għadek tista’ tarahom weqfin, kburin bi sbuħithom, imxerrda ma’ l-erbat irjieħ tal-kampanja Melleħija.

Fiż-Żminijiet Nofsana ssokkta jinġabar l-għasel bħal fl-Imġiebaħ u l-Wied tal-Madonna, li minnu kienu jagħmlu wkoll ix-xama’. Beda jitkabbar il-qoton u ma nistagħġbux li fl-inħawi tħawlu xi lumija u xi larinġa. U dan biex ma nsemmux il-qamħ mnejn ġej l-isem Qammieħ, il-maħlut, ix-xgħir u għall-bhejjem il-furrajna, li bdiewa bħal ta’ Gauci, Mifsud, Xerri u Camilleri sa minn dak iż-żmien kien jiżirgħu u jaħsdu minn sena għal oħra.

Taħt Selmun kien hemm kalkara tal-ġir li kienu jieħdu minnha ta’ spiss għall-Kastell ta’ Sant Anġlu. Mal-kosta kienu jiġġerrew l-għassiesa tad-Dejma bħal ta’ Xerri u Xiberras iħufu jaraw jilmħux xi biċċa tal-baħar Saraċena. U s-Santwarju tal-Madonna, x’kien minnu f’dawn iż-żminijiet imċajpra?

Is-Santwarju kien ilaqqa’ ‘l kull min kien fl-inħawi biex fil-ħemda u l-ġabra jsib is-sliem m’Alla. Sa mis-seklu 15 insibu li kien hawn kappillan. L-ewwel wieħed li jissemma kien Dun Luqa jew Lanza Camilleri. Minkejja li ftit kien hawn nies f’dawn in-naħat, ix-Xbieha tal-Madonna kienet mifhuma minn bosta u kienu jżuruha slaten, isqfijiet u kbarat, saħansitra rejiet u viċirejiet Spanjoli u minn Sqallija.

Iż-Żminijiet Nofsana kienu żminijiet mudlama, żminijiet li fihom il-Melleħin bdew iduqu l-imrar tal-ħbit tal-furbani Misilma; ħbit li wassal biex għal żmien twil l-inħawi tbattlu minn nies kważi għal kollox u reġgħet ħadet f’idejha t-treġija ta’ l-art in-natura rżina u maestuża.

Dan l-artiklu qed jidher bil-permess ġentili ta` l-awtur stess, is-Sur David Muscat.

L-Istorja tal-Mellieħa tkompli:

Il-Mellieħa 1530 - 1798 W.K.

*
*

Destination for all seasons


*
* *
* Ara il-Video *
*

*

  Mill-Qiegha Mejju 2010


17 ta' Mejju, 2010
*
* *
* Niżżel *
*
*

Applikazzjonijiet
għall-Attivitajiet
fil-Beraħ fil-Lokalita
tal-Mellieħa


*
* *
* Niżżel *
*
gov.mt Gvern ta' Malta