Il-Mellieħa 2,500 Q.K. - 870 W.K.

Minn Żmien il-Bronz sa tmiem l-Imperu Ruman (2,500 Q.K. - 870 W.K.)

Iż-żmien jgħaddi u ‘l ħadd ma jsellem, jgħaddi bla ma jitkellem. Wara ż-żminijiet bikrija ta’ Żmien il-Ħaġar u l-Imqades, l-ewwel Melleħin ta’ Żmien il-Bronż, daqs tlett elef sena ilu kellhom iħabbtuha ma’ nies mill-Italja t’isfel u forsi wkoll minn xi gżejjer madwar il-Greċja.

Dawn kienu poplu ġellieda li keddew bis-sħiħ lil tagħna. L-art qalbuha ta’ taħt fuq. Ġarrew ħaġar, ġebel, ħamrija tant li jingħad li fil-blat ħallew maħżuża sriebet ta’ kalati qishom raddi tal-moħriet li ħadd ma jaf x’kienu l-għanijiet tagħhom aħħarija.

Lill-mejtin kienu jaħarquhom flok jidfnuhon u jiġbru l-irmied f’xi qolla jew ġarra. X’aktarx armaw irħajjel imdawra b’sisien għassiesa fix-Xag]ra tal-Qargħa, il-Manikata, fuq id-Dahar ta’ l-Aħrax u fix-Xagħra tal-Kurunell lejn l-Imġiebaħ.

Wara n-nies ta’ Borg in-Nadur, il-Baħrija u l-Wardija, kif inhuma magħrufa n-nies ta’ Żmien il-Bronż, fis-Seklu 8 Q.K ġew il-Feniċi u warajhom il-Puniċi. Ulied ix-xtut tal-Lvant Nofsani kienu baħħara, bejjiegħa u xerrejja. Ġabu lejn xtutna drappijiet mill-ifjen, statwi u statwetti u iġfna misbuqa b’merkanzija. Għallmu lill-Melleħin iħawlu s-siġra taż-żebbuġa u l-ħarruba. Min jaf kemm il-mirkeb minn tagħhom daħal jistkenn l-Għadira?

Il-Puniċi ma kellhomx itulu wisq. Sabu r-Rumani jiqfulhom u dawn fis-sena 218 Q.K, waqt it-Tieni Gwerra Punika ħatfu ‘l gżiritna. Lill-Maltin, ir-Rumani sejħulhom barbari, mhux għax kienu slavaġ, imma għax kienu jitħaddtu bil-Puniku, mhux bħalhom bil-Grieg jew bil-lingwa Latina. Madwar il-Mellieħa bħal fi mkejjen rurali oħra, is-sinjuri Rumani bnew xi vilel żgħar tal-kampanja, b’knaten rettangulari mdaqqsa u b’art pavimentata. Fihom ħaddmu lil niesna. Għallmuhom i]affru l-bjar fil-blat u jsawru ċ-ċisterni bħal fi Ġnien Ingraw u l-Wied tal-Kalkara.

Lil nieshom kienu jidfnuhom fi dwiemes u oqbra mħaffra fil-blat bħalma nsibu l-Ħewwiexa, San Niklaw, l-Imġiebaħ, il-Wied tar-Rabti, il-Miżieb, l-Aħrax, u n-Naħlija t’ Għajn Tuffieħa. Ir-Rumani kattru s-siġar taż-żebbuġ, u bdew jagħsruh għaż-żejt bħal f’San Pawl Milqi u taħt l-Għar u Casa. Bnew imġiebaħ ma’ xfar il-widien bħal fl-Imġiebaħ biex jattiraw in-naħal. It-tjieba ta’ l-għasel tas-sagħtra saħħrithom. Forsi wkoll sejħu lil dawn l-inħawi meleha minn melea, kelma Griega b’togħma għaslija, li kien hawn min sostna li l-Mellieħa taf isimha minnha.

Ir-Rumani stmaw lill-Maltin sew, daqslikieku ċittadini ta’ l-imperu. Iġfna maħnuqa b’tagħbija kienu jżuruna ta’ spiss. Mhux l-ewwel darba li trakka xi ġifen mas-sikka f’nofs il-Bajja tal-Mellieħa. Ngħidu aħna fi żmien l-imperatur Septmu Severju, madwar 200 W.K. inkalja mirkeb mimli affarijiet bħal platti, skutelli, bwieqi u fliexken tal-ħġieġ miżbugħa.

Imbagħad missitu l-istess xorti, li jżurna bla ħsieb San Pawl fis-sena 60 W.K. Kif iġibu ismu l-Gżejjer, li lil hinn minnhom jingħad li l-ġifen li fuqu kien qiegħed trakka, Pawlu ta’ Tarsu kellu jidħol għall-irdoss tal-ħġejjeġ fir-Ramla tal-Pwales jekk mhux ukoll l-Għadira.

San Pawl seta’ żar l-Għar tal-Madonna. Min jaf? Il-leġġenda tgħid li kien San Luqa li pitter ix-xbieha mirakoluża tal-Madonna tal-Mellieħa. L-affresk biss jaf il-verita’ dwar din il-leġġenda u s’issa żammha mistura.

Ġara x’ġara l-Melleħin Puniċi kienu fost l-ewwel Maltin li għexu l-miġja ta’ l-appostlu jew rażul kif kien jissejjaħ. L-għerien Melleħija kienu fost l-ewwel imkejjen li semgħu l-bxara t-tajba u ħaddnu l-fidi Nisranija. Waqt li l-Imperu Ruman kien qed jixxaqqaq, jiġġarraf u jitherra, il-kotra Melleħija kienet qed tissaħħaħ fi twemminha. Ix-xrara li qabbad Pawlu mill-ħuġġieġa fuq ir-ramla bdiet tikber fi fjamma. Fi ftit żmien kienet se tissarraf f’nirien ta’ mħabba.

Dan l-artiklu qed jidher bil-permess ġentili ta` l-awtur stess, is-Sur David Muscat.

L-Istorja tal-Mellieħa tkompli:

Il-Mellieħa 870 - 1530 W.K.

*
*

Destination for all seasons


*
* *
* Ara il-Video *
*

*

  Mill-Qiegha Mejju 2010


17 ta' Mejju, 2010
*
* *
* Niżżel *
*
*

Applikazzjonijiet
għall-Attivitajiet
fil-Beraħ fil-Lokalita
tal-Mellieħa


*
* *
* Niżżel *
*
gov.mt Gvern ta' Malta