Il-Mellieħa 5,500 - 2,500 Q.K.

Minn Żmien il-Ħaġar sa Żmien il-Bronż (5,500-2,500Q.K)

Dan l-artiklu qed jidher bil-permess ġentili ta` l-awtur stess, is-Sur David Muscat.

L-istorja tal-Mellieħa tinsab maħżuża fil-qigħan naqlija tal-widien ħadrana fejn isemma’ leħnu setgħan il-qasab ħaxwiexi u ssaltan bennejja tal-bejtiet, l-għammiela ħabrieka.

L-istorja ta’ dar-raħal tismagħha fl-għerien imniddija fejn jgħammru l-friefet il-lejl mogħmija wara s-seħer tal-qmura sħaħ, blalen tal-fidda, u fejn jixxettel it-tursin il-bir leqqien, imsoqqi minn qtajjar fiddien, li jġelben mal-liwi u x-xquq tas-saffi tal-ġebla Maltija.

Ġrajjiet niesna, missirijietna tibda minn hawn- mill-art armajn imtektka b’bexxiet melliesa ta’ xita manna; mir-ramel dehbien tal-plajja, jikwi bl-uġigħ ta’ tbatijiet il-ġemgħa tissara biex tgħix, tgħajjex u tgħammar; mill-ħalel felħana ta’ bajjietna miżgħuda b’alka sewdiena, mergħat saqwija għall-ħut tal-baħar, ħobż għal snienna u daħliet kennija għal ġens wara ieħor, sibbien u ħakkiema li fittxew ‘l artna biex jaħkmuha jew jaħbtu għaliha.

U għal dal-waqtiet se nistħajjilni l-blat mirqum tal-Grotta tal-Madonna. Ħsiebi se jimraħ fl-ewwel żminijiet, sebat elef sena ilu. Niftakar l-ewwel miġemgħa titfaċċa fuq ix-xefaq, titbandal qanpiena fuq ċattri magħmula minn zkuk u weraq, f’jum ta’ difa. Dehru għajjenin, ħosbiena, imma fl-istess ħin ħerqana li se jibdew ħajja ġdida. Mill-ħarsa ta’ fuq wiċċhom u l-kliem li lissnu ntbaħt li ġew minn Sqallija.

Fi ftit jiem bdew ibiddlu l-ħara Melleħija. Neżżgħu l-imsaġar mis-siġar, wittew l-art maħnuqa bil-ħatab, żergħu l-qamħ u x-xgħir u bdew ikabbru għelejjel oħra. Magħhom ġabu xi bhejjem bħal mogħoż u nagħaġ u bdew irabbuhom fl-għerien bħal tax-Xemxija u l-Wied tal-Kalkara.

Kienu jaħdmu qatigħ, lejl u nhar, sajf u xitwa, b’għodda magħmula minn għuwied, għadam u ġebel bħalma nstabu l-Latnija. Kellhom kwies, bwieqi, u ġarar tal-fuħħar, u kienu jiżżejnu b’ ġiżirajjen, ċrieket, brazzuletti maħduma mill-elementi tan-natura.

Għadni niftakar l-ewwel darba li rajt xebba Melleħija, ġmiel in-nixxiegħa, liebsa ġiżirana magħmula minn bebbux, ċagħak u mħar tiddandan f’dan l-għar quddiem ċorma tfajliet tamparha.

Ma nistax ninsa ‘l dak il-ġuvni, mibni saffejn, imħażżem bi ġlud il-bhejjem u l-qfiel tal-ħuxlief, ikaxkar nofs ħaġra fiha d-doppju tiegħu lejn tat-Tomna biex hu wkoll ikun ta sehmu fil-bini tal-maqdes f’ġieħ ‘l alla fertili, omm il-ħlejjaq kollha li għoġobha tipprovdilu art bil-wisq ħawtiela u baħar kaħlani misbuq b’kull ġid u għana.

Minn hawn... minn hawn bdiet il-ġrajja ta’ dar-raħal- mill-għerien bħal ta’ l-Aħrax, Selmun, Gnien Ingraw u Għajn Żejtuna fejn għammru l-ewwel minn niesna; mill-għaqbiet bħal tax-Xagħra ta’ Żminka, tat-Tomna u ta’ Msid fejn sawru l-eqdem imqades u minn max-xfar ta’ l-irdumijiet, u l-ġnub tal-widien fejn missirijietna difnu l-għeżież tagħhom u ħallew lilna wirt sħiħ biex ngħożżuh u nirriflettu fuq l-imgħoddi mbiegħed tagħna, nisilna, ġensna, għemilna u fuq kollox fuq x’nistgħu nagħmlu għall-ġejjieni tagħna u ta’ uliedna...

L-istorja tal-Mellieħa tkompli:

Il-Mellieħa 2,500 Q.K. - 870 W.K.

 

*
*

Destination for all seasons


*
* *
* Ara il-Video *
*

*

  Mill-Qiegha Mejju 2010


17 ta' Mejju, 2010
*
* *
* Niżżel *
*
*

Applikazzjonijiet
għall-Attivitajiet
fil-Beraħ fil-Lokalita
tal-Mellieħa


*
* *
* Niżżel *
*
gov.mt Gvern ta' Malta